EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52012AB0032

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 25 ta’ April 2012 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (CON/2012/32)

ĠU C 175, 19.6.2012, p. 11–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/11


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-25 ta’ April 2012

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej

(CON/2012/32)

2012/C 175/05

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-20 ta’ Jannar 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ircieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju”) u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej (2) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost EuSEF”) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsemmijin bħala r-“regolamenti proposti”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni dwar ir-regolamenti proposti hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi r-regolamenti proposti fihom dispożizzjonijiet b’impatt fuq l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji u li jeffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel mill-awtoritajiet kompetenti tal-politika fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja taħt l-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Ir-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju għandu l-għan li jegħleb in-nuqqasijiet ta’ finanzjament li jiltaqgħu magħhom intrapriżi Ewropej żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) fil-fażijiet tal-bidu tagħhom. Billi parti kbira mill-finanzjament ta’ dawn il-kumpaniji toriġina minn fondi żgħar, b’daqs medju ta’ EUR 60 miljun f’assi taħt ġestjoni, ir-regolament għandu l-għan li jtejjeb l-abbiltà li jinġabar kapital fl-UE kollha. Huwa jwaqqaf Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju speċifiċi b’karatteristiċi komuni taħt qafas regolatorju wieħed. Dan għandu jagħti ċertezza u trasparenza lil dawk kollha li għandhom interess, inkluż l-investituri, ir-regolaturi u l-kumpaniji eliġibbli għal investimenti. L-introduzzjoni ta’ passaport għas-suq wieħed, li permezz tiegħu fond irreġistrat fi Stat Membru wieħed ikun jista’ jippromwovi unitajiet u ishma fi Stati Membri oħra, għandha tnaqqas il-piż amministrattiv u tillimita l-barrieri regolatorji.

2.

Dan il-qafas huwa kkumplimentat mir-regolament propost EuSEF, li għandu l-għan li jistimola l-finanzjament għal negozju soċjali permezz tat-twaqqif ta’ kategorija ġdida ta’ fondi ta' intraprenditorija soċjali Ewropej (minn hawn ’il quddiem “EuSEFs”). Dan għandu jgħin lill-investituri biex jidentifikaw u jqabblu l-fondi li qed jinvestu f'negozju soċjali u jwessgħu l-possibbiltajiet li jippromwovu dawn il-fondi lil investituri internazzjonali.

3.

L-Istrateġija Ewropa 2020 (3) reġgħet stqarret il-ħtieġa ta’ involviment f’azzjoni regolatorja immirata biex ittejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament, b’mod partikolari billi tindirizza l-barrieri li jxekklu l-fluss ta’ finanzjament ta’ kapital ta’ riskju permezz ta’ fondi ta’ investiment iddedikati. Il-Kunsill Ewropew approva dan l-approċċ li jagħmel sejħa għat-tneħħija ta’ xkiel regolatorju li għad baqa’ għall-flussi transkonfinali ta' kapital ta' riskju (4). Bħala riżultat ta’ dan, f’April tal-2011 il-Kummissjoni ħabbret inizjattiva biex tiżgura illi l-fondi ta’ kapital ta’ riskju stabbiliti fi kwalunkwe Stat Membru jistgħu jiġbru l-kapital mill-UE kollha (5).

4.

Il-BĊE diġa nnota d-diffikultajiet biex jaċċessaw il-finanzjament li ltaqgħu magħhom riċentement ħafna SMEs, aktar mill għal ditti kbar, speċjalment fi żmenijiet ta’ stress fis-suq (6). Bl-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament għal SMEs u t-titjib tar-rekwiżiti regolatorji applikabbli, il-BĊE jittama illi r-reġimi ġodda proposti għandhom jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-iżvilupp ta’ ekonomija innovattiva u sostenibbli. Li tingħeleb il-frammentazzjoni tal-finanzjament għal SMEs innovattivi u li b’fokus soċjali u li jissawwar it-tfaċċar ta’ suq finanzjarju integrat u fluwidu li għandu jinkoraġġixxi u jiffaċilita l-investiment transkonfinali f’dawn is-setturi huwa kruċjali għas-suċċess u t-twettiq f’waqtu tal-Istrateġija Ewropa 2020.

5.

Għalhekk il-BĊE jilqa’ r-regolamenti proposti li ser jintroduċu rekwiżiti uniformi għal fondi li joperaw taħt identifikazzjoni Ewropea unika u qafas regolatorju sostantiv identiku, waqt li jiżguraw superviżjoni adegwata. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota bosta karatteristiċi li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ qafas regolatorju xieraq u bbilanċjat: in-natura volontarja tar-reġim (7), il-proċess ta’ notifika transkonfinali bejn l-awtoritajiet kompetenti (8), ir-regoli li jirregolaw l-imġieba ta’ maniġer li jikkwalifika u r-rekwiżiti ta’ żvelar (9), kif ukoll id-dispożizzjonijiet intiżi biex jiżguraw is-superviżjoni effettiva tal-użu tal-passaport (10).

Osservazzjonijiet speċifiċi

6.

Il-BĊE jappoġġja l-għan tal-Kummissjoni li tiżgura l-konsistenza tar-regolamenti proposti mar-reġim eżistenti għal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi taħt id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (11). F’dan ir-rigward, il-BĊE jilqa’ r-referenza fir-regolamenti proposti għal-limitu fid-Direttiva 2011/61/UE (12), li tintroduċi limitu ta’ EUR 500 miljun ta’ fondi kapitali li għandhom jiddelinjaw ir-reġimi tal-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u tal-EuSEF mill-qafas stabbilit mid-Direttiva 2011/61/UE.

7.

Il-BĊE jinnota illi l-limitu msemmi aktar ’il fuq għandu l-għan li jiddistingwi maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi b’attivitajiet li jistgħu jkollhom “konsegwenzi sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja” minn dawk li x’aktarx ma jkollhomx u li r-reġimi proposti ser japplikaw lil fondi li mhumiex importanti sistemikament (13).

8.

L-ambitu tar-regolamenti proposti huwa kkundizzjonat ukoll mir-rekwi¿it għall-fondi kollha eliġibbli ta' kapital ta' riskju u ta' intraprenditorija soċjali li jkunu mingħajr lieva finanzjarja, sabiex ikun żgurat illi l-fondi li jikkwalifikaw ma jikkontribwux għall-iżvilupp ta’ riskji sistemiċi u li jikkonċentraw fuq l-appoġġ lil kumpaniji ta’ portafoll kwalifikanti (14). Għalhekk, filwaqt illi l-kunċett ta’ lieva finanzjarja huwa fundamentali għall-mudell tan-negozju implimentat minn maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (15), il-BĊE iqis li huwa xieraq li ssir espliċita l-eskużjoni ta’ kull lieva finanzjarja possibbli fil-każ tar-reġimi proposti tal-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-EuSEF (16).

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi r-regolament propost jiġi emendat, għal dan il-għan qed jiġu ppreżentati proposti speċifiċi għall-abbozzar fl-Anness I flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-25 ta’ April 2012.

Il-President tal-BĊE

Mario DRAGHI


(1)  KUMM(2011) 860 finali.

(2)  KUMM(2011) 862 finali.

(3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”, KUMM(2010) 2020 finali.

(4)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, 4 ta’ Frar 2011, paragrafu 22.

(5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar “L-Att dwar is-Suq Uniku – Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja – Flimkien għal tkabbir ġdid”, KUMM(2011) 206 finali, b’mod partikolari punt 2.1.

(6)  Opinjoni tal-BĊE CON/2012/21 tal-BĊE tat-22 ta’ Marzu 2012 dwar (i) proposta għal direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li tirrevoka d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ii) proposta għal regolament dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (EMIR) dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tan-negozju, (iii) proposta għal direttiva dwar sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u (iv) proposta għal regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq), paragrafu 8. Għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Il-verżjoni bl-Ingliż hija disponibbli fil-websajt tal-BCE fuq http://www.ecb.europa.eu

(7)  Artikolu 4 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u Artikolu 4 tar-regolament propost EuSEF.

(8)  Artikoli 15 u 20(3) tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u Artikoli 16 u 21(3) tar-regolament propost EuSEF.

(9)  Artikoli 7 sa 12 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u Artikoli 7 sa 13 tar-regolament propost EuSEF.

(10)  Artikoli 13 sa 22 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju/Artikoli 14 sa 23 tar-regolament propost EuSEF.

(11)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1. Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni – Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju, SEC(2011), 1515, p. 37.

(12)  Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE.

(13)  Premessa 17 tad-Direttiva 2011/61/UE

(14)  Premessa 13 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u premessa 13 tar-regolament propost EuSEF.

(15)  Paragrafu 11 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2009/81 tas-16 ta’ Ottubru 2009 dwar proposta ghal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/.../KE (ĠU C 272, 13.11.2009, p. 1).

(16)  Artikolu 5(2) tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u Artikolu 5(2) tar-regolament propost EuSEF.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar  (1)

Test propost mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BCE (2)

Emenda 1

Artikolu 5(2) tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju

“2.   Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju m’għandux jissellef, joħrog obbligi ta’ dejn, jipprovdi garanziji, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, u lanqas juża, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju xi metodu li bih tiżdied l-iskopertura tal-fond, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus jew titoli, involviment f’pożizzjonijiet derivattivi jew bi kwalunkwe mezz ieħor.”

“2.   Il-maniġer tal-fond ta’ kapital ta’ riskju m’għandux jissellef, joħrog obbligi ta’ dejn, jipprovdi garanziji, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju, u lanqas juża, fil-livell tal-fond li jikkwalifika ta' kapital ta’ riskju xi metodu li bih tiżdied l-iskopertura tal-fond, kemm jekk permezz ta’ self ta’ flus jew titoli, involviment f’kuntratti derivattivi jew bi kwalunkwe mezz ieħor.”

Spjegazzjoni

L-involviment f’pożizzjonijiet derivattivi jista’ jservi ukoll għal finijiet ta' hedging, f'liema każ huwa għandu jnaqqas l-iskopertura għar-riskju aktar milli jżidha. Għalhekk, waqt illi l-BĊE jinnota illi l-kliem propost huwa miksub mid-definizzjoni korrispondenti ta’ Artikolu 4(1)(v) tad-Direttiva 2011/61/UE, huwa jissuġġerixxi li t-terminu “pożizzjonijiet derivattivi” jinbidel ma’ “kuntratti derivattivi”, b’konformità mal-kliem li jinsab f’leġiżlazzjoni finanzjarja oħra tal-UE kurrenti jew proposta, eż Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu  (3), Direttiva 2004/39/KE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE  (4) u l-proposti għal regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-derivati OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tan-negozju  (5) u dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment  (6).

Emenda 2

Artikolu 6 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju

“Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju esklussivament lil investituri li jitqiesu li huma klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE jew jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra meta:”

“Il-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju għandhom jikkummerċjalizzaw l-unitajiet u l-ishma tal-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju esklussivament lil investituri li jitqiesu li huma klijenti professjonali skont it-Taqsima I tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, sakemm ma jkunux ittrattati, meta jintalab hekk, bħala klijenti mhux professjonali jew jistgħu, meta jintalab hekk, ikunu ttrattati bħala klijenti professjonali skont it-Taqsima II tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE, jew lil investituri oħra meta jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:”

Spjegazzjoni

Artikolu 6 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju jirreferi għal “klijenti professjonali skont Taqsima 1 ta’ Anness II ta’ Direttiva 2004/39/KE”. Mhuwiex ċar liema reġim ser ikun applikabbli għal klijenti professjonali li jiġu ttrattati, meta jintalab hekk, bħala klijenti mhux professjonali taħt l-istess dispożizzjoni. Sabiex tiġi evitata l-konfużjoni, l-emenda proposta għandha tallinja wkoll il-kunċett ta’ “klijenti professjonali” fir-regolament propost mad-definizzjoni f’Anness II ta’ Direttiva 2004/39/KE.

Barra minn dan, ir-regolament jippermetti l-kummerċjalizzazzjoni ta’ Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju lil investituri oħrajn, li “għandhom it-tagħrif, l-esperjenza u l-kapaċità li jimmaniġġjaw r-riskji li dawn il-fondi jkollhom”  (7). Waqt illi l-BĊE jqis illi dawn il-kriterji joffru l-protezzjoni neċessarja lill-investitur, huwa jissuġġerixxi li jiġi żgurat illi huma jsiru kollha mandatorji.

Emenda 3

Artikolu 10a tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju (ġdid)

L-ebda test

“Artikolu 10a

Depożitarju

1.   Għal kull fond Ewropew ta' kapital ta’ riskju li huwa jmexxi, il-maniġer tal-fond ta' kapital ta’ riskju għandu jiżgura illi jinħatar depożitarju uniku skont dan l-Artikolu.

2.   Id-depożitarju għandu jkun istituzzjoni kif iddefinit f’Artikolu 21 ta’ Direttiva 2011/61/KE.

3.   Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ paragrafu 1, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-funzjoni tad-depożitarju tal-fond ta' kapital ta’ riskju. L-AETS għandha tippreżenta dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni tiġi ddelegata bis-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Spjegazzjoni

Sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-investitur, il-BĊE jissuġġerixxi li jsir provvediment speċifiku għall-ħatra ta’ depożitarju, b’konformità mal-qafas adottat fid-Direttiva 2009/65/KE dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS)  (8) u d-Direttiva 2011/61/UE  (9). Madankollu, l-iskema ssimplifikata proposta hawn għandha l-għan li tiżgura illi kwalunkwe obbligazzjonijiet li jirriżultaw ikunu proporzjonati man-natura u d-daqs tal-fondi.

Emenda 4

Artikolu 21(1) tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju

“1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jikkooperaw flimkien kull meta dan ikun meħtieġ għal finijiet ta’ twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom f’dan ir-Regolament.”

“1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-AETS jikkooperaw flimkien kull meta dan ikun meħtieġ għal finijiet ta’ twettiq tad-dmirijiet rispettivi tagħhom f’dan ir-Regolament u, kif xieraq, mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jissuġġerixxi, biex ikun konsistenti mal-Artikolu 50 tad-Direttiva 2011/61/UE, illi l-kooperazzjoni bejn l-AETS u l-awtoritajiet kompetenti għandha tinvolvi wkoll lill-BERS, kif xieraq.

Emenda 5

Artikolu 22(2) tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju

“2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni skont dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju.”

“2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew l-AETS m’għandhomx jinżammu milli jiskambjaw l-informazzjoni skont dan ir-Regolament jew liġijiet oħra tal-Unjoni applikabbli għall-maniġers tal-fondi ta’ kapital ta’ riskju u l-fondi li jikkwalifikaw ta' kapital ta’ riskju,kull fejn meħtieġ, għall-finijiet tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom taħt dan ir-regolament jew tal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom taħt dan ir-Regolament jew taħt il-liġi nazzjonali.. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-banek ċentrali, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, fejn din l-informazzjoni hija relevanti għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.

Spjegazzjoni

Dan għandu jiżgura illi l-banek ċentrali, inkluż il-BĊE, kif ukoll il-BERS, jirċievu kif xieraq informazzjoni li hija relevanti għall-eżerċizzju tal-kompiti tagħhom.


(1)  L-emendi għar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju japplikaw, bil-bidliet neċessarji, għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti fir-regolament propost EuSEF.

(2)  It-tipa skura fil-korp tat-test tindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(3)  Artikolu 1(b) u (ċ) u Artikolu 2(1)(b)(iii) (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 24).

(4)  GU L 145, 30.4.2004, p. 1. Artikolu 2(1)(i) u Artikolu 4(1).

(5)  KUMM(2010) 484 finali. Artikolu 1(1).

(6)  KUMM(2011) 452 finali. Artikoli 211(1), 240(3), 250(1)(d), 256(1), 273(4), 321(1) u (2) u 335(4).

(7)  Premessa 14 tar-regolament propost dwar Fondi Ewropej ta' Kapital ta’ Riskju.

(8)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32 Artikoli 22 sa 26 u 32 sa 36.

(9)  Artikolu 21.


Fuq