EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52008AB0022

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta' Mejju 2008 dwar żewġ regolamenti tal-Kummissjoni proposti li jimplimentaw ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika trimestrali fir-rigward tal-postijiet tax-xogħol battala fil-Komunità (CON/2008/22)

ĠU C 134, 31.5.2008, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

31.5.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 134/10


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tat-23 ta' Mejju 2008

dwar żewġ regolamenti tal-Kummissjoni proposti li jimplimentaw ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika trimestrali fir-rigward tal-postijiet tax-xogħol battala fil-Komunità

(CON/2008/22)

(2008/C 134/03)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-13 ta' Mejju 2008 il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għal opinjoni dwar proposta għal żewġ regolamenti tal-Kummissjoni li jimplimentaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru …/2008 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika trimestrali fir-rigward tal-postijiet tax-xogħol battala fil-Komunità, waħda rigward proċeduri ta' aġġustament staġonali u rapporti ta' kwalità (minn issa 'l quddiem “ir-regolament propost” ) u oħra dwar id-definizzjoni ta' post tax-xogħol battal, id-dati ta' referenza għall-ġbir tad-data, l-ispeċifikazzjonijiet tat-trasmissjoni tad-data u l-istudji tal-fattibbilta' (minn issa 'l quddiem “ir-regolament propost” ).

Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata skond l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 105(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Skond l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet ġenerali

1.

Id-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala tal-Komunità koperta miż-żewġ regolamenti proposti hija importanti għall-BĊE. Il-BĊE ippubblika l-obbligi tiegħu għall-istatistika fuq żmien qasir meħtieġa biex iwettaq il-politika monetarja (2), li tinkludi data dwar il-postijiet tax-xogħol battala. Barra minn hekk, il-bżonn għal statistika dwar il-postijiet tax-xogħol battala jsegwi mill-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Obbligi Statistiċi ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (EMU), li kien stabbilit fuq it-talba ta' l-Ecofin mill-Kummissjoni Ewropea (Eurostat) f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-BĊE; dan wassal ukoll għall-Indikaturi Ekonomiċi Prinċipali Ewropej (PEEI), li jinkludu statistika dwar il-postijiet tax-xogħol battala u kienu adottati mill-Ecofin fit-18 ta' Frar 2003.

Ir-Regolament propost 1

2.

L-iżvilupp ta' serje staġunali aġġustati, kif stabbilit fir-regolament propost, huwa importanti fil-kuntest tad-data dwar il-postijiet tax-xogħol battala wżata fl-analiżi ekonomika infra-annwali. Bl-istess mod, il-preparazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' rapporti ta' kwalità dwar id-data hija parti integrali mill-qafas ta' assigurazzjoni ta' kwalità.

3.

Il-BĊE jilqa' d-disponibbilta' ta' data dwar il-postijiet tax-xogħol battala aġġustata skond l-istaġun u l-jiem tax-xogħol hekk kif ġew ippubblikati 16-il trimestru tad-data. Barra minn dan, ikun ta' benefiċċju jekk il-metodoloġija stabbilita fil-Linji Gwida għal Sistemi Statistiċi Ewropej dwar l-aġġustament staġunali (3) tintuża biex isaħħaħ dan ix-xogħol.

4.

Ir-rapporti ta' kwalità kif stabbilit fl-Anness mar-regolament propost 1 huma manwali ta' siwi li bihom l-utenti tad-data jiġu ggwidati fir-rigward tal-kwalità speċifika ta' l-istatistika. Il-BĊE jilqa' ċirkolazzjoni aktar wiesgħa tar-rapporti nazzjonali għall-utenti tad-data.

Ir-Regolament propost 2

5.

Il-BĊE jinkoraġġixxi l-għan tar-regolament propost 2 biex jiġu introdotti definizzjonijiet u dati ta' referenza li jilħqu bilanċ xieraq bejn il-bżonnijiet ta' l-utent u l-piż imqiegħed fuq ir-rispondenti.

6.

Il-BĊE jilqa' li l-perijodu ta' referenza ppreferut għall-ġbir tad-data huwa medja għall-perijodu, filwaqt li xorta tibqa' l-possibbilta' għal osservazzjoni waħda biex tintuża ladarba tibqa' tintqies rappreżentattiva tal-perijodu rispettiv. Xi studji wrew li l-ħin tal-ġbir tad-data jista' jkollu effett kbir fuq id-data. Għalhekk, il-BĊE jissuġġerixxi li dan l-aspett jingħata kunsiderazzjoni xierqa fir-rapporti ta' kwalità meħtieġa skond ir-regolament propost 1.

7.

Il-BĊE jixtieq jenfasizza l-importanza taż-żewġ studji ta' fattibbilta' msemmija fl-Anness mar-regolament propost 2:

(a)

L-istudju tal-fattibbilta' biex jivvaluta kif l-istatistika trimestrali dwar il-postijiet tax-xogħol battala tista' tiġi akkwistata għan-NACE Rev. 2 sezzjonijiet O, P, Q, R u/jew S hija importanti billi l-impjieg f'dawn is-sezzjonijiet tan-NACE jkopri 'l fuq minn 35 % ta' l-impjieg fiż-żona ta' l-euro.

(b)

L-istudju tal-fattibbilta' biex jivvaluta kif l-istatistika trimestrali dwar il-postijiet tax-xogħol battala tista' tiġi akkwistata minn unitajiet ta' negozju b'anqas minn 10 impjegati hija importanti billi dawn l-unitajiet ta' negozju jagħmlu maġġoranza kbira mill-impjieg totali f'ħafna Stati Membri. Barra minn dan, l-istudji wrew li dawn l-intrapriżi għandhom tendenza li joħolqu numri akbar ta' postijiet tax-xogħol ġodda minn unitajiet ta' negozju akbar.

Magħmula fi Frankfurt am Main, fit-23 ta' Mejju 2008.

Il-President tal-BĊE

Jean-Claude TRICHET


(1)  Il-Presidenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill iffirmaw l-att legali flimkien fit-23 ta' April 2008 imma l-att legali għadu ma ġiex ippubblikat; għalhekk għad jonqos in-numru uffiċjali.

(2)  L-Obbligi statistiċi tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam ta' l-istatistika ekonomika ġenerali, il-Bank Ċentrali Ewropew, Awwissu 2000 (irreveduta f'Diċembru 2004) li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-BĊE f'www.ecb.europa.eu

(3)  Ara l-“Linji Gwida ta' l-ESS dwar l-aġġustament staġunali”, April 2008 li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Ħlasijiet f' http://www.cmfb.org.


Fuq