EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 52012AB0042

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 24 ta’ Mejju 2012 dwar abbozz ta’ regolament ta’ delega tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, il-leverage, it-trasparenza u s-superviżjoni (CON/2012/42)

ĠU C 47, 19.2.2013, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/1


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-24 ta’ Mejju 2012

dwar abbozz ta’ regolament ta’ delega tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, il-leverage, it-trasparenza u s-superviżjoni

(CON/2012/42)

2013/C 47/01

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-18 ta’ April 2012, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kummissjoni għal opinjoni dwar abbozz ta’ regolament iddelegat tal-Kummissjoni li jissupplimenta d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet, il-kundizzjonijiet ġenerali tal-operat, id-depożitarji, il-leverage, it-trasparenza u s-superviżjoni (minn hawn ’l quddiem “l-abbozz ta regolament iddelegat”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi d-direttiva proposta fiha dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kontribut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (SEBĊ) għat-tmexxija bla xkiel tal-politika dwar l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 127(5) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet speċifiċi

1.    Leverage

1.1.

Il-BĊE stqarr preċedentement illi l-kunċett ta’ leverage, kif imsemmi fid-Direttiva 2011/61/UE (1), huwa fundamentali għall-mudell ta’ negozju implimentat minn ħafna maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattiv (AIFMs - alternative investment fund managers) (2). B’mod ġenerali, il-BĊE jaqbel mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) illi l-informazzjoni dwar il-livell ta’ leverage ikkalkulat fuq il-bażi tal-iskopertura gross hija kruċjali għall-monitoraġġ tar-riskju sistemiku u li din l-informazzjoni għandha wkoll tingħata lil investituri. Filwaqt illi leverage eċċessiv jista’ joħloq riskji sinifikanti għall-istabbiltà finanzjarja, ir-riskju tal-leverage mhuwiex l-uniku riskju għall-fondi ta’ investiment alternattiv (AIFs). Għalhekk, kull informazzjoni dwar leverage għandha tiġi supplimentata minn informazzjoni relevanti dwar sorsi ta’ riskju oħrajn. F’dan il-kuntest, huwa importanti illi rekwiżiti intiżi biex jindirizzaw is-sorsi varji ta’ riskju jinżammu separati. Dawn is-sorsi ta’ riskju jinkludu r-riskju tal-pożizzjoni, jiġifieri r-riskju tas-suq u ta’ kreditu li jirrigwarda investimenti partikolari, u l-leverage ta’ AIFs.

1.2.

Sabiex ikun konsistenti u jipprevjeni xi arbitraġġ regolatorju, il-BĊE jaħseb illi huwa xieraq illi l-metodi għall-kalkolazzjoni tal-leverage li jridu jiġu adottati għandhom, safejn huwa possibbli, ikunu konsistenti mal-qafas tal-Basel III (3) u l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment (4) u r-regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment) (5) (minn hawn ‘il quddiem flimkien is-“CRD IV propost”) (6). Pereżempju, din il-konsistenza għandha tkun żgurata b’referenza għar-rikonoxximent ta’ tranżazzjonijiet ta’ hedging u t-trattament ta’ self fi flus kontanti. Barra minn dan, tista’ tiġi kkonsiderata wkoll kross-referenza għall-kunċetti stipulati fis-CRD IV propost (7).

1.3.

Kif inhu dikjarat fil-paragrafu 1.1 aktar ‘il fuq, il-BĊE huwa tal-fehma illi, fil-kalkolazzjoni tal-iskoperturi, wieħed għandu jagħmel distinzjoni bejn: (a) ir-riskji inerenti tal-assi (portafolli) li qed jixtraw minn AIFs, jiġifieri “ir-riskju tal-pożizzjoni”; u (b) il-leverage attwalment involut. B’hekk iż-żewġ sorsi ta’ riskji għandhom jinżammu separati fid-determinazzjoni tal-leverage tal-AIFs. Pereżempju, fil-waqt illi self fi flus kontanti minn sorsi esterni li mhumiex investiti huwa tabilħaqq la espost għar-riskju tas-suq u lanqas għar-riskju ta’ kreditu, huwa jżid il-leverage attwali tal-AIF. B’kuntrast ma’ dan, jidher li s-CRD IV propost ma jiddistingwix bejn tipi differenti ta’ self fi flus kontanti (8).

1.4.

L-abbozz tar-regolament iddelegat jirreferi għall-applikazzjoni tal-metodu gross u għall-metodu ta’ impenn (9). Huwa ma jinkludix il-metodu avvanzat (10) peress illi dan il-metodu ma jiżgurax il-paragunabilità tar-riżultati. Il-BĊE jifhem illi l-metodu avvanzat, li jirrilassa r-regoli tal-metodu ta’ impenn, kien imfassal għal AIFMs li jimmaniġġaw AIPs, li għalihom il-metodu ta’ impenn jista’ ma jkunx xieraq jew jista’ ma jagħtix riżultati sinifikanti. Il-BĊE jappoġġa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tinkludix il-metodu avvanzat peress illi l-applikazzjoni tal-metodu gross u tal-metodu ta’ impenn huwa suffiċjenti u ser jipprovdi informazzjoni utli kemm lil investituri kif ukoll lil awtoritajiet kompetenti dwar il-leverage ta' AIFs.

2.    Il-maniġġ tar-riskji

L-abbozz tar-regolament iddelegat jitlob li AIFMs jisseparaw il-funzjoni tagħhom tal-maniġġ tar-riskji mill-funzjoni operattiva tagħhom u jissuġġerixxi illi dan jinkiseb meta lista eżawrenti ta’ kundizzjonijiet kontinġenti tiġi sodisfatta mill-AIFM (11). Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux sodisfatti, jiġu applikati salvagwardji mill-korp governattiv tal-AIFM sabiex jittaffew il-kunflitti ta’ interess li jistgħu joħolqu riskju għar-rendiment indipendenti ta’ attivitajiet ta’ maniġġ tar-riskji (12). F’dan ir-rigward, il-BĊE jappoġġa s-separazzjoni tal-maniġġ tar-riskji mill-funzjonijiet operattivi u ta’ maniġġ. Il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tagħti s-setgħa lill-AETS biex tħejji linji gwida ġenerali li jistabbilixxu kriterji oġġettivi sabiex tiġi evitata applikazzjoni inkonsistenti mal-Unjoni u biex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tagħhom.

3.    Investiment f’pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni

3.1.

L-abbozz tar-regolament iddelegat (13) jistipula illi l-AIFMs jistgħu jinvestu f’pożizzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sakemm iwettqu viġilanza bir-reqqa tal-isponsor u tal-oriġinatur. B’mod aktar speċifiku, l-abbozz tar-regolament iddelegat jistipula illi, qabel ma jinvesti fi strumenti titolizzati, l-AIFM għandu: (a) jissodisfa ċerti rekwiżiti kwalitattivi, eż. ftehim komprensiv tal-profil tar-riskju tal-investimenti u politiki formali u proċeduri xierqa (14); u (b) jiżgura illi l-isponsors, kif ukoll l-oriġinaturi, jissodisfaw numru ta' rekwiżiti kwalitattivi li jinkludu rekwiżiti għal maniġġ tar-riskju effettiv, strateġiji ta’ diversifikazzjoni xierqa (15), eċċ.

3.2.

Il-BĊE jappoġġa l-kriterji kwalitattivi li jrawmu l-għarfien tal-AIFMs tar-riskji meħudin qabel ma jinvestu fi prodotti titolizzati. Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet taħt 3.1(b) aktar ‘il fuq, l-obbligi fuq l-AIFMs biex jiżguraw illi l-oriġinaturi u l-isponsors ikollhom proċeduri għall-maniġġ tar-riskju xierqa jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu applikati billi l-AIFMs forsi ma jkunux jistgħu jikkontrollaw direttament il-kriterji li jirrigwardaw il-proċeduri interni tal-isponsor jew tal-oriġinatur.

3.3.

Sabiex jiġi żgurat illi dawn ir-rekwiżiti ma jżommux lill-AIFMs milli jinvestu fi prodotti titolizzati, biex b’hekk jixxekkel l-għan usa’ li jitqajjem is-suq tat-titolizzazzjoni, l-abbozz tar-regolament iddelegat jista’ jistipula illi l-AETS jagħti gwida ġenerali dwar id-dokumentazzjoni preċiża li trid tingħata minn sponsors jew oriġinaturi lil AIFMs fir-rigward tal-fuq imsemmija rekwiżiti kwalitattivi.

4.    Funzjonijiet tad-depożitarju

4.1.

Il-BĊE jilqa’ d-dmirijiet komprensivi illi ser jitwettqu mid-depożitarji (16) skont l-abbozz tar-regolament iddelegat. B’mod partikolari, il-BĊE jemmen illi r-rekwiżiti dettaljati (17) sejrin, fil-parti l-kbira, jillimitaw ir-riskju tal-kustodja għal investituri fl-AIFs.

4.2.

Il-BĊE jappoġġa r-reġim ta’ responsabbiltà strett introdott minn Direttiva 2011/61/UE u speċifikat aktar fl-abbozz tar-regolament iddelegat (18). Madankollu, huwa jinnota illi dan ir-reġim ta' responsabbiltà, flimkien ma’ emendi futuri (UCITS V) (19) għad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (20), jista’ jissuġġetta lid-depożitarji għal talbiet ta’ responsabbiltà sostanzjali. F’każ ta’ xi depożitarji, talbiet bħal dawn jistgħu jammontaw għal telfiet li xi drabi jkunu jeċċedu b’multipli l-kapital kollu tagħhom. Il-BĊE għalhekk iqis bħala imperattiv illi d-depożitarji jimmaniġġaw dawn ir-riskji b’mod xieraq, kemm jekk huma istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ditti tal-investiment jew istituzzjonijiet superviżjonati oħrajn (21), u li jingħata kont tar-riskji skont ir-regoli rispettivi tar-rekwiżiti kapitali. Il-proċess regolatorju li ġej tal-UCITS V joffri opportunità tajba biex jiġi indirrizat dan is-suġġett fir-rigward tal-UCITS kif ukoll tad-depożitarji tal-AIF.

5.    Rekwiżiti ta’ rapportar u skambju ta’ informazzjoni

5.1.

Il-BĊE jilqa’ r-rekwiżiti ta’ rapportar stipulati fl-Artikolu 112 tal-abbozz tar-regolament iddelegat. Skont l-Artikolu 112(7), l-AIFMs għandhom jipprovdu l-informazzjoni b’konformità mal-mudell ta’ rapportar pro-forma stabbilit fl-Anness tal-abbozz tar-regolament iddelegat. F’dan ir-rigward, il-BĊE jappoġġa r-rekwiżiti ta’ rapportar ta’ dejta ssuġġeriti mill-AETS fil-parir tagħha (22), li jistipula illi xi informazzjoni tinġabar fuq bażi ta’ kull xahar u jissuġġerixxi l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali dwar il-profili tar-riskju storiċi tal-AIFs. Din l-informazzjoni aktar granulari hija importanti għat-twaqqif ta' qafas ta’ monitoraġġ komprensiv tar-riskju sistemiku.

5.2.

Minkejja l-fuq imsemmi, dawn ir-rekwiżiti ta’ rapportar lil awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari dawk stipulati fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 112 tal-abbozz tar-regolament iddelegat, fil-parti l-kbira tagħhom jidduplikaw ir-rekwiżiti ta’ rapportar statistiku stipulati fir-Regolament BĊE/2007/8 tas-27 ta’ Lulju 2007 dwar statistika fir-rigward tal-attiv u l-passiv ta' fondi ta' investiment (23). Għalhekk, il-BĊE iqis illi hemm potenzjal biex jiġi limitat il-piż ta’ rapportar ta’ AIFMs billi ċerti obbligi ta’ rapportar ta’ awtoritajiet kompetenti jiġu allinjati mar-rekwiżiti statistiċi tal-BĊE (24). F’dan ir-rigward, il-BĊE jinsab lest u jixtieq jiddiskuti mal-Kummissjoni u mal-AETS dwar l-aħjar mod biex jiġu allinjati r-rekwiżiti ta’ rapportar.

5.3.

Fl-aħħar, fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni, l-abbozz tar-regolament iddelegat (25) iħalli lill-awtoritajiet nazzjonali b’diskrezzjoni sinifikanti f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom l-informazzjoni relevanti għall-monitoraġġ ta’ riskju sistemiku (26) għandha tinqasam mal-AETS u l-BERS. Il-BĊE jissuġġerixxi illi d-dispożizzjonijiet fuq imsemmija għandhom jiġu ċċarati sabiex jiġu evitati l-inċertezzi.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda illi jiġi emendat l-abbozz tar-regolament iddelegat, proposti speċifiċi għall-abbozzar huma stipulati fl-Anness għal dan il-għan flimkien ma’ test spjegattiv.

Magħmula fi Frankfurt am Main, 24 ta’ Mejju 2012.

Il-Viċi President tal-BĊE

Vítor CONSTÂNCIO


(1)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p.1)

(2)  Opinjoni tal-BĊE CON/2009/81 tas-16 ta’ Ottubru 2009 dwar proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattiv u li temenda d-Direttivi 2004/39/KE u 2009/.../KE (ĠU C 272, 13.11.2009, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BCE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu

(3)  Ara “Basel III: Qafas regolatorju globali għal banek u sistemi bankarji aktar reżiljenti”, Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, Diċembru 2010, verżjoni reveduta Ġunju 2011.

(4)  Ukoll id-Direttiva emendatorja 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju. KUMM(2011) 453 finali.

(5)  KUMM(2011) 452 finali.

(6)  Definizzjoni armonizzata ta’ leverage ma timplikax il-kalibrar armonizzat tal-proporzjon ta’ leverage għal istituzzjonijiet ta’ kreditu u AIFs.

(7)  Ara d-definizzjoni ta’ leverage (ingranaġġ) mogħtija minn Artikolu 4(86) tar-regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment, KUMM(2011) 452 finali.

(8)  Taħt is-CRD IV propost, is-self kollu fi flus kontanti jiġi reġistrat fil-karta tal-bilanċ u għalhekk iżidu l-leverage taħt dan il-qafas, irrispettivament mill-użu sussegwenti tal-fondi riċevuti. Il-valur ta’ elementi fil-karta tal-bilanċ ġeneralment ikun ugwali għall-valur tal-kontabilità tagħhom li jibqa’ wara li jkunu ġew applikati aġġustamenti speċifiċi fil-valutazzjoni, eż għal riskju tal-kreditu; ara l-Artikolu 416(5) flimkien mal-Artikolu 106(1) tar-regolament propost tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment, KUMM(2011) 452 finali.

(9)  Kapitolu II, Taqsima 2, Artikoli 9 u 10, tal-abbozz tar-regolament ta’ delega.

(10)  Ara l-parir tekniku tal-AETS lill-Kummissjoni Ewropea dwar miżuri ta’ implimentazzjoni possibbli tad-Direttiva dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi, 16 ta’ Novembru 2011 (minn hawn ‘il quddiem “il-Parir tal-AETS”), AETS/2011/379, p. 459.

(11)  Artiklu 43 tal-abbozz tar-regolament ta’ delega.

(12)  Artiklu 44 tal-abbozz tar-regolament ta’ delega.

(13)  Ara Kapitolu III, Taqsima 5, tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(14)  Artikolu 55 tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(15)  Artikolu 54 tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(16)  Ara Kapitolu IV, Taqsima 2, tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(17)  Ara Artikoli 91, 92, 98, 100 u 101 tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(18)  Ara Kapitolu IV, Taqsima 3, tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(19)  Ara wkoll id-Dokument konsultattiv tal-Kummissjoni dwar il-funzjoni ta’ depożitarju tal-UCITS u dwar ir-remunerazzjoni tal-maniġers tal-UCITS, 14 ta’ Diċembru 2010.

(20)  GU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(21)  Ara l-Artikolu 21(3) tad-Direttiva 2011/61/KE.

(22)  Ara Anness V tal-Parir tal-AETS.

(23)  ĠU L 211, 11.8.2007, p. 8.

(24)  Ara paragrafu 10 ta’ Opinjoni CON/2009/81.

(25)  Artikolu 7(3) u Artikolu 118 tal-abbozz tar-regolament iddelegat.

(26)  Qabbel, f’dan ir-rigward, Artikolu 3(3)(d) u Artikolu 53 tad-Direttiva 2011/61/UE u Artikolu 7(3) u Artikolu 118 tal-abbozz tar-regolament iddelegat.


ANNESS

Proposti għall-abbozzar

Test abbozzat mill-Kummissjoni

Emendi proposti mill-BĊE (1)

Emenda 1

Preambolu tal-abbozz tar-regolament iddelegat (ġdid)

“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

“Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(6) […] u l-Artikolu 53(3) tagħhom,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(6) […] u l-Artikolu 53(3) tagħhom,

 

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:”

Billi:”

Spjegazzjoni

Skont l-Artikolu 296 tat-Trattat, li jistipula illi atti legali għandhom jirriferu għal kwalunkwe opinjoni prevista fit-Trattati, l-emenda proposta hija neċessarja sabiex tirrifletti l-fatt illi l-abbozz tar-regolament iddelegat jiġi adottat skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat. Dawn id-dispożizzjonijiet fihom l-obbligu li l-BĊE jiġi kkonsultat fuq kull att propost tal-Unjoni li jaqa’ fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Fir-rigward tal-irwol konsultattiv tal-BĊE fir-rigward ta’ abbozzi ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, issir referenza għal paragrafu 4 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2012/5 tal-25 ta’ Jannar 2012 dwar proposta għal Direttiva dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti ta’ investiment u dwar proposta għal Regolament dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment  (2).

Emenda 2

Premessa 42a tal-abbozz tar-regolament iddelegat (ġdida)

[L-ebda test]

“Il-maniġment superjuri tal-AIFM għandu japprova l-lista ta' sensara prinċipali magħżulin. L-AIFMs għandhom jaħtru sensara prinċipali minn din il-lista. Billi sensar prinċipali jista’ jkun sistemikament importanti, il-hedge funds għandhom jużaw aktar minn sensar prinċipali wieħed magħżul mil-lista approvata.”

Spjegazzjoni

L-Artikolu 27 tal-abbozz tar-regolament iddelegat jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati għall-għażla u l-ħatra ta' sensara prinċipali. Il-BĊE jappoġġa dawn il-kriterji kif ukoll ir-rekwiżit illi l-lista ta’ sensara prinċipali magħżulin għandha tkun approvata mill-maniġment superjuri tal-AIFM, Barra minn dan, billi sensar prinċipali jista’ jkun sistemikament importanti għal hedge fund, l-abbozz tar-regolament iddelegat għandu jistipula wkoll illi, fil-prinċipju, l-AIFMs għandhom jużaw sensara prinċipali multipli, fuq l-istess linja tal-prattika kurrenti fis-suq.

Emenda 3

Artikolu 5(6) u Artikolu 7 tal-abbozz tar-regolament iddelegat (ġodda)

[L-ebda test]

“6.   In-notifiki riċevuti skont il-paragrafu 3 jiġu ppreżentati lill-AETS.

7.   L-AETS tista’ tiżviluppa linji gwida biex tkattar valutazzjoni uniformi minn awtoritajiet kompetenti tas-sitwazzjonijiet ta’ natura temporanja msemmija f’dan l-Artikolu.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jilqa’ l-inklużjoni tal-Artikolu 5 tal-abbozz tar-regolament iddelegat, li jipprovdi għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni għal AIFMs li xi drabi jiksru l-limitu minimu tar-reġistrazzjoni. Madankollu, xi AIFMs jistgħu jużaw din l-eżenzjoni b’mod ħażin. Għalhekk ikun xieraq li l-awtoritajiet kompetenti jintalbu jippreżentaw lill-AETS in-notifiki li jkun irċieva AIFM fir-rigward tal-ksur ta’ limitu minimu, sabiex jitrawwem approċċ komuni bejn l-awtoritajiet nazzjonali fl-evalwazzjoni ta’ ksur ta’ natura temporanja.

Emenda 4

Artikolu 46(3)(c) tal-abbozz tar-regolament iddelegat

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-AIFM għandu jieħu l-azzjonijiet li ġejjin għal kull AIF li jimmaniġġja:

“3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-AIFM għandu jieħu l-azzjonijiet li ġejjin għal kull AIF li jimmaniġġja:

[…]

[…]

(c)

iwettaq testijiet tal-istress u analiżi tax-xenarji perjodiċi u xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji li jinħolqu mit-tibdil potenzjali fil-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwaw ħażin lill-AIF;

(c)

iwettaq testijiet tal-istress u analiżi tax-xenarji perjodiċi u xierqa tal-anqas fuq bażi trimestrali biex jiġu indirizzati r-riskji li jinħolqu mit-tibdil potenzjali fil-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwaw ħażin lill-AIF;

[…]”

[…]”

Spjegazzjoni

Minn punt ta’ stabbiltà finanzjarja, il-BĊE jirrakkomanda li tiżdied il-frekwenza ta’ testijiet għall-istress u tal-analiżi ta’ xenarji, sabiex dawn jitmexxew tal-anqas fuq bażi trimestrali, biex tiġi evalwata l-abbiltà ta' AIF biex jirreżisti xokkijiet finanzjarji, ekonomiċi u idjosynkratiċi negattivi.

Emenda 5

Artikolu 51(2)(e) tal-abbozz tar-regolament iddelegat

“2.   L-AIFMs għandhom iwettqu regolarment testijiet tal-istress, taħt kundizzjonijiet tal-likwidità normali u eċċezzjonali, li jippermettulhom jivvalutaw ir-riskju tal-likwidità ta’ kull AIF li jimmaniġġjaw. Testijiet tal-istress għandhom:

“2.   L-AIFMs għandhom iwettqu regolarment testijiet tal-istress, taħt kundizzjonijiet tal-likwidità normali u eċċezzjonali, li jippermettulhom jivvalutaw ir-riskju tal-likwidità ta’ kull AIF li jimmaniġġjaw. Testijiet tal-istress għandhom:

[…]

[…]

(e)

jitwettqu bi frekwenza xierqa għan-natura tal-AIF u mill-inqas darba fis-sena filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-investiment, il-profil tal-likwidità, it-tip ta' investituri u l-politika tat-tifdija tal-AIF.”

(e)

jitwettqu bi frekwenza xierqa għan-natura tal-AIF u mill-inqas fuq bażi trimestrali darba fis-sena filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-investiment, il-profil tal-likwidità, it-tip ta' investituri u l-politika tat-tifdija tal-AIF.”

Spjegazzjoni

Ara l-ispjegazzjoni għall-Emenda 4 aktar ‘il fuq.

Emenda 6

Artikolu 117a tal-abbozz tar-regolament iddelegat (ġdid)

[L-ebda test]

“Sabiex jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta’ arranġamenti ta’ kooperazzjoni u tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikolu 37 tad-Direttiva 2011/61/UE, l-AETS tista’ tiżviluppa linji gwida biex tiddetermina l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni ta’ din it-Taqsima.”

Spjegazzjoni

Il-BĊE jappoġġa l-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri u pajjiżi terzi permezz ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. F’dan ir-rigward, il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri hija essenzjali biex jiġu minimizzati l-inkonsistenzi fil-politiki tagħhom. L-involviment dirett tal-AETS, skont l-Artikolu 37(16) u (17) ta’ Direttiva 2011/61/UE, għandu jgħin biex jiġi żgurat approċċ konsistenti bejn l-Istati Membri lejn il-pajjiżi terzi.


(1)  It-tipa skura fil-korp tat-test tindika fejn il-BĊE qed jipproponi li jiddaħħal test ġdid. L-ingassar fil-korp tat-test jindika fejn il-BĊE qed jipproponi t-tħassir ta’ test.

(2)  ĠU Ċ 105, 11.4.2012, p. 1.


Fuq